Waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, George Pullicino qal li t-triq li wasslet għat-tnedija ta’ din l-iskema ma’ kinitx waħda faċli u s-sehem tal-korpi kostitwiti u l-President ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali kien kruċjali fit-tfassil ta’ dak li ġie mniedi llum.
Hu qal li it-tħaddim ta’ din l-iskema ser tiddependi mill-partecipazzjoni ta’ ħafna entitajiet u ndividwi, fosthom il-familji Maltin, is-sidien tal-ħwienet, il-kolletturi, il-Kunsilli Lokali, il-produtturi u l-importaturi ta’ proddotti fuq is-suq, kif ukoll ta’ l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar flimkien tal-Wasteserv. Dawn ta’ l-aħħar iridu jinforzaw u jaċċettaw il-materjal għar-riċiklaġġ rispettivament.
Is-sistema taħseb sabiex mill-ewwel t’April sa’ l-aħħar ta’ Ġunju, il-Gvern jiffinanzja sistema ta’ ġbir addizjonali għall-plastik, metall u karta. Din il-ġabra ser tibda ssir kull nhar ta’ Tlieta f’Malta u kull nhar ta’ Tnejn f’Għwdex. Dan jiġifieri li l-mod u l-frekwenza li kulħadd imdorri bihom sal-lum ser jibqgħu. Tajjeb jingħad li l-introduzzjoni ta’ din is-sistema ser tikkumplimenta u mhux tibdel is-sistema popolari tal-bring-in sites.
F’din l-iskema, il-pubbliku ser ikun pprovdut b’boroż apposta mill-Kunsill Lokali rispettiv. L-iskart ta’ l-ippakkjar magħmul minn kartun, plastik jew metall jintefa f’din il-borża biex imbgħad jinħareġ darba fil-ġimgħa dak inhar li ssir il-ġabra apposta.
“Qed nibnu fuq is-suċċess li diġà ksibna bil-madwar 200 sit li għandna mifruxin ma’ Malta w Għawdex. Madanakollu dan ma jnaqqasx mill-bżonn li kunsilli lokali jkomplu jżidu n-numru ta’ bring-in sites ħalli l-poplu tagħna jkun moqdi aħjar,” qal il-Ministru Pullicino.
Għall-bidu, s-sistema l-ġdida ser tkun sostnuta minn kampanja edukattiva qawwija. Wara l-perjodu temporanju, mhux eskluz li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku tkun infurzata b’regolamenti.
“Dan l-arrangament jista’ jitħabbar illum għax l-ewwel parti ta’ l-impjant immodernizzat ta’ Sant’Antnin – l-Material Recovery Facility - bdiet titħaddem. Dan huwa pass kruċjali biex insaħħu l-ammont ta’ skart li qed jiġi rriċiklat f’pajjiżna,” qal il-Ministru Pullicino.
Intant, sa’ l-aħħar ta’ din il-ġimgħa Gvern ser jippubblika Avviż Legali biex jirriafferma illi kull produttur li jissieħeb fi skema li hija awtorizzata u bdiet tiffunzjona ser jiġi eżentat mill-eko-kontribuzzjoni jekk il-prodotti li jbiegħ u li jkun daħħal fl-iskema ikunu eleġibbli.
L-abbozz ta’ dan l-Avviż Legali diġa tfassal u ġie maqbul bejn l-entitajiet.
Is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech, beda biex irringazzja u faħħar lil dawk kollha li taw sehemhom sabiex din l-iskema titwieled, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-operaturi, il-produtturi, il-Ministeru tal-Ambejnt, kif ukoll l-istess Ministeru tal-Finanzi.
Tonio Fenech fakkar li meta ddaħħlet l-eko-kontribuzzjoni fl-2004, il-Gvern Malti għamilha ċara li din ma kinietx miżura fiskali iżda waħda ambjentali, għax kienet immirata li titfa’ responsabbilta’ privata għall-immaniġġjar ta’ l-skart. Issa, minħabba li l-privat ser ikun qed jerfa’ l-piż finanzjarju ta’ dan il-ġbir separat, il-Gvern qed jikkommetti li jeżenta lil kull importatur jew produttur mill-eko-kontribuzzjoni li tkun qed titħallas fuq prodotti li jkunu ddaħħlu fi skema.
Il-Ministeru tal-Finanzi qed jikkommetti wkoll għajnuniet finanzjarji għal skemi li l-għan tagħhom hu li jiġbru ppakkjar għar-riċiklaġġ. Din l-għajnuna tista’ tingħata lil skemi eżistenti jew skemi li għadhom qed jiġu varati. Għal dan il-għan il-Gvern ħareġ sejħa għall-offerti biex jirċievi t-talbiet. Din l-għajnuna ssir skond il-parametri ta’ State Aid.
Is-Sur Fench ħabbar li l-Gvern u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-korpi kostitwiti ser ikomplu jaħdmu ħalli jsawru tenders ġodda li jkunu jassiguraw li kull kunsill jidħol f’kuntratt ma’ kollettur għall-ġbir ta’ skart separat għal perjodu ta’ żmien twil biżżejjed li l-kolletturi jkunu jistgħu jinvestu f’vetturi u apparat aktar modern. Min naħa tagħhom l-operaturi huma kommessi li l-vetturi jinħaslu ta’ spiss u li jintlibes l-apparat għas-saħħa u sigurta tal-ħaddiema, fost affarijiet oħra.
|