My Blog

EMAILUPDATES

Email:
  Unsubscribe

JOINTHETEAM

Click here to fill out a registration form...

PHOTOGALLERY

View our photo gallery of past events.

NEWS

JIBDA JITĦADDEM L-IMPJANT TA’ RIĊIKLAĠĠ MODERNIZZAT TA’ SANT’ ANTNIN

 
Minsters
 

Mil-lum bdiet titħaddem il-Material Recovery Facility li hija l-ewwel fażi tal-proġett ta’ l-immodernizzar ta’ l-Impjant ta’ Riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin – proġett li qed isir b’investiment ta’ €27 miljun.

Ftit qabel l-inawgurazzjoni ta’ dan l-impjant ġdid, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, George Pullicino qal li l-avveniment tal-lum huwa milestone għall-politika ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart ta’ pajjiżna peress li din il-parti ta’ l-Impjant hija ħolqa kruċjali biex inkomplu inżidu l-ammont ta’ skart li nirriċiklaw f’pajjiżna.

“Ironikament mingħajr l-upgrading ta’ dan l-Impjant ma konniex naslu biex fi ftit aktar minn xahar ieħor nupgradejaw ukoll il-mod kif niġbru l-iskart riċiklabbli. Il-ġimgħa d-dieħla, fil-fatt ser inkunu qed inħabbru id-dettalji ta’ kif ser tibda titħaddem is-sistema ta’ ġbir ta’ skart ta’ l-ippakkjar bieb bieb darba fil-ġimgħa mil-lokalitajiet kollha f’Malta w Għawdex. Fil-fatt wara negozjati intensivi mal-korpi kostitwiti u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, issa wasalna fi stadju li nibdew inħaddmu din is-sistema ġdida mill-1 t’April,” qal il-Ministru Pullicino.

70% mill-€27 miljun li ser jiġi jiswa l-upgrading ta’ l-Impjant ta’ Sant’Antnin, jew €16 miljun se jitħallsu mill-fond ta’ koezjoni ta’ l-Unjoni Ewropeja għas-snin 2004-2006. It-30% l-oħra ser jinħarġu mill-Gvern Malti. Ma dawn il-Gvern qed jinvesti €11 miljun oħra biex isiru x-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni meħtieġa.

Il-parti ta’ l-impjant bdiet taħdem f’dawn il-jiem tiflaħ titratta 36,000 tunnellata ta’ skart riċiklabbli li jinġabru mill-aktar minn 200 sit tal-kontenituri għall-iskart riċiklabbli (bring-in-sites) kull sena. L-iskart li ser jinġabar mill-iskema ta’ ġbir ta’ skart ta l-ippakkjar bieb bieb ukoll ser jibda jiġi ttrattata hawnhekk.

Il-parti ta’l-Impjant li titratta l-skart organiku li jiġi ġġenerat mid-djar għandha tkun qed taħdem sa’ l-aħħar ta’ din is-sena. Din il-parti tal-Impjant se tittratta 35,000 tunellata ta’ skart muniċipali (imħallat tad-djar) kull sena. Dan ifisser li l-impjant modernizzat mhux ser ikun qed jilqa’ l-iskart kollu li jiġi ġġenerat f’Malta u Għawdex, iżda biss 71,000 tunnellata minn total ta’ 240,000 tunnellata.

L-impjant ser ikun qed jitħaddem fuq linji identiċi għal impjanti simili li jitħaddmu f’pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea joffri ukoll ambjent aħjar għall-ħaddiema li ser ikunu qed jaħdmu fih għax mgħammar b’apparat li joffri aktar kumdità.

“Inħossni tassew onorat li qiegħed hawn biex illum niktbu paġna ġdida fl-immaniġġjar ta’ l-iskart f’pajjiżna. Dan l-impjant state-of-the-art huwa prova oħra ta’ kemm il-Gvern ħa dan il-qasam bis-serjetà fl-aħħar snin. Kienet din is-serjetà, il-viżjoni tagħna kif ukoll d-determinazzjoni tagħna li evitatilna l-problemi serji bħal dawk li qed jiffaċċjaw pajjiżi ġirien tagħna. Infakkar li dan l-impjant qed jingħaqad ma’ 3 Ċentri għall-Iskart Goff, inċineratur ġdid u 200 sit għall-kontenituri ta’ l-iskart riċiklabbli flimkien ma’ 200 oħra li ttellgħu fl-iskejjel tagħna li kollha twaqqfu fl-aħħar 4 snin,” qal il-Ministru Pullicino.

“Filwaqt li jien kuntent bil-figuri dejjem jikbru ta’ l-ammont ta’ skart li qed nirriċiklaw, nappella lill-pubbliku biex ikompli jkun parteċipi magħna f’dan il-proġett u juża l-faċilitajiet għas-separazzjoni ta’ l-iskart għax mingħajr din l-għajnuna ftit kien ikun hemm skop għall-impjant modernizzat ta’ Sant’Antnin,” qal il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.

 

Back to the news page

 


View More Endorsements

MRAE LogoPN Logo