L-Iskola St. Bernardette, l-iskola primarja ta' San Ġwann, ġiet ippreżentata bil-prempju prestiġġjuż tal-Bandiera l-Ħadra li huwa titlu internazzjonali li jingħata lil dawk l-iskejjel li jeċċellaw fil-ħidma tagħhom favur l-ambjent taħt il-programm Eko-Skola.
Il-programm Eko-Skola huwa inizjattiva internazzjonali li lokalment hija mmexxija mill-għaqda Nature Trust u mmirata għall-studenti ta’ l-iskejjel primarji.
Meta kien qed jindirizza l-istudenti preżenti minn diversi skejjel miġbura fl-iskola ta’ Santa Monika, il-Ministru George Pullicino qal li l-mira tal-Gvern hi li jkun hemm 80 skola li jipparteċipaw fil-programm Eko-skola. Bħalissa hawn 65 skola f'Malta li qed jieħdu sehem f'din l-inizjattiva biex jikber l-għarfien dwar il-ħarsien ta' l-ambjent.
Waqt l-istess preżentazzjoni ta’ l-għoti tal-bandiera l-ħadra, ingħata wkoll il-Premju tal-Fidda lill-Iskola Dun Alwiġ Camilleri Primarja A taż-Żejtun u l-Iskola Primarja ta' Ħal Safi. Il-Premju tal-Bronż ingħata lill-Iskola St. Joan Antide fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu.
Il-Ministru Pullicino tkellem dwar l-inizjattiva li ħadu l-istudenti ftit jiem ilu fejn ppreżentaw kopja ta' memorandum lill-partiti politiċi Maltin bħala azzjoni li dawn it-tfal qed jistennew mingħand il-partiti waqt il-kampanja elettorali. Fost ir-rakkomandazzjonijiet, it-tfal ħeġġew li fl-attivitajiet politiċi jintużaw materjali riċiklabbli; wara l-attivitajiet politiċi jitnaddaf il-post u jintużaw recipjenti li jħajru s-separazzjoni ta’ l-iskart u ma jintbagħatx materjal stampat fid-djar imma jintużaw messaġġi elettroniċi u media awdjo-viżwali.
Il-Ministru spjega li minħabba l-fatt li mhux il-popolazzjoni kollha għandha aċċess u ħin għall-informazzjoni fid-dinja online, huwa qal li hu impossibli li ma jintbagħtux karti fid-djar Maltin. Minkejja dan b’azzjoni konkreta u ta’ eżempju, il-Ministru Pullicino ħabbar it-twaqqif ta’ bord ta’ awditjar indipendenti sabiex l-ammont ta’ karti użati fil-kampanja elettorali tiegħu li jmiss ikun ikkompensat bi tħawwil ta’ siġar ġodda. Il-Ministru Pullicino ħatar lil Dr. Paul Pace, Vince Attard, Christopher Ciantar u Mark Azzopardi bħala l-persuni inkarigati minn dan l-awditjar fix-xhur li ġejjin.
Il-Ministru Pullicino ħeġġeġ lit-tfal jibqgħu jaħtfu kull opportunitŕ li għandhom illum u jibqgħu jistinkaw biex jitħares u jittejjeb l-ambjent ta’ madwarna.
Preżenti waqt il-preżentazzjoni ta’ l-għoti tal-premju tal-Bandiera l-Ħadra kien hemm il-Kummissarju tat-Tfal Carmen Zammit u d-Direttur Ġenerali fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi Grace Grima.
Intant, aktar tard wara nofsinhar, il-Ministru Pullicino ħa sehem f’inizjattiva li l-Wasteserv qed tieħu f’numru ta’ skejjel madwar Malta biex tqajjem kuxjenza favur ir-riċiklaġġ fost it-tfal ta’ l-iskejjel primarji.
Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent kien impressjonat bl-għarfien li kellhom it-tfal ta’ l-Iskola Primarja Dun Karm Sant ta’ Ħal Tarxien dwar ir-riċiklaġġ.
Hu saħaq fuq l-importanza li t-tfal mhux biss jipprattikaw ir-riċiklaġġ huma billi jisseparaw l-iskart u jiddisponu minnu kif suppost, iżda anke jwasslu dan il-messaġġ lill-ġenituri u l-qraba tagħhom. “Għandkom tkunu intom li tgħallmu lill-kbar, f’dan il-każ,” temm jgħid il-Ministru Pullicino.
|