TWEMMIN 
Edukazzjoni
Nemmen :
- li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta tal-futur ta’ pajjiżna;
- f’edukazzjoni li kapaċi ssib post u żvog għal kull tifel u tifla irrispettivament mill-kapaċitajiet tagħhom;
- f’edukazzjoni li tgħinna jkollna ħaddiema mħarrġa u b’hekk insaħħu l-kompetittivita’ ta’ pajjiżna;
- li għandna noffru aktar opportunitajiet ta’ edukazzjoni għolja (masters u dottorati) f’pajjizna stess mingħajr ma neskludu l-aċċess għal dawn barra minn xtutna;
- f’sistema edukattiva li tinvolvi lill-ġenituri u lill-familja sabiex l-iskola tkun estensjoni tad-dar u d-dar estensjoni ta’ l-iskola;
Fuq kollox nemmen f’sistema edukattiva li xxettel kultura soda favur l-ambjent u l-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna.
Saħħa
Nemmen:
- f’servizzi tas-saħħa ta’ l-ogħla kwalita’ għall-poplu kollu;
- li l-istat għandu jiżgura li l-poplu kollu jkollu aċċess għal dawn is-servizzi mediċi ta’ kwalita’ għaliex pajjiż b’saħħtu jiddependi minn poplu b’saħħtu.
- li pajjizna jrid jivvalorizza aktar lit-tobba u l-istaff mediku li jaħdmu ma’ l-istat sabiex dawn ma jkollhomx il-ħtieġa li jiddedikaw ħinhom biex jagħmlu xogħol lil hinn mill-istituzzjonijiet mediċi ta’ l-istat.
- li l-istat għandu jinvesti aktar riżorsi fil-prevenzjoni;
- li għandna nisfruttaw l-eċċellenza li lħaqna fil-livell mediku ħalli pajjiżna jattira aktar pazjenti barranin (ta’ min jgħid li dawn iħallsu!!);
Ambjent
Nemmen :
- li l-ambjent għandu jkun fil-qofol ta’ kull deċizjoni li nieħdu għax kwalita’ ta’ ħajja aħjar tiddependi minn ambjent nadif u tajjeb.
- li l-Gvern għandu jiżgura ambjent sostenibbli u li kull deċizjoni tqis l-impatt fuq l-ambjent u fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.
- li jkollma deadlines definiti għal titjib f’diversi oqsma bħal tnaqqis tat-tniġġiz tal-arja u aktar użu tat-trasport pubbliku;
- li rridu nkomplu nħadru pajjiżna bit-tħwwil ta’ aktar siġar;
- li l-Gvern jagħti inċentivi lill-kumpaniji privati li jaddottaw prattiċi tax-xogħol li jnaqqsu l-ħela tar-riżorsi u li jgħinu finanzjarjament inizjattivi ambjentali;
- li l-Gvern jinċentiva b’mod qawwi l-użu ta’ renewable energies u li jservi ta’ katalista f’dan il-qasam;
- il-Gvern għandu jagħti l-eżempju billi jkompli jaddotta politika ta’ green public procurement ħalli jinċentiva prodotti li jirrespettaw l-ambjent;
- li l-programm ta’ edukazzjoni ambjentali Eko-Skola għandu jibqa’ jingħata l-appoġġ neċessarju;
Nemmen fuq kollox li investiment fil-qasam ta’ l-ambjent eventwalment inaqqas l-ispiza li jkollna nġorru fis-sistema tas-saħħa.
Kultura
Nemmen:
- fil-ħiliet tal-artisti Maltin u Għawdxin.
- li l-kultura għandha tingħata l-importanza li jixirqilha anke fil-kurrikulu ta’ l-iskejjel tagħna.
- li l-istat għandu jappoġġja dawn it-talenti u jipprovdi opportunitajiet fejn dawn it-talenti jikbru f’Malta u barra minn xtutna;
- li għandu jkollna istituti edukattivi għolja li jispeċjalizzaw fid-danza u arti applikata;
- li rridu nxettlu l-kreattivita’ ta’ kull persuna billi nesponu perspettiva kulturali wiesa u libera.
Fuq kollox nemmen li għandna kultura Ewropea b’pinzellati tal-kultura Għarbija, li tagħmilna poplu uniku b’identita’ proprja.
Ewropa
Nemmen:
- li l-Ewropa hi darna;
- li l-Ewropa hija nisġa ta’ popli u mhux ta’ stati;
- li l-istituzzjonijiet Ewropej jeħtieġ isaħħu l-kuntatt maċ-ċittadini ħalli dawn jifhmu dejjem aktar il-valuri li fuqhom hija mibnija din l-Ewropa;
- li rridu nkomplu nisfruttaw is-sħubija tagħna biex inġibu l-livell tal-għixien tagħna daqs tal-aktar pajjiżi sinjuri fl-Ewropa;
- f’Ewropa miftuħa għall-kumplament tad-dinja u mhux f’Ewropa fortizza;
- li l-Ewropa għandha jkollha politika barranija komuni, li taħdem b’mod attiv għall-kisba tal-paċi u l-firxa tal-ġid fid-dinja.
Politika Socjali
Nemmen
- f’soċjeta’ fejn ħadd ma jibqa’ lura.
- f’politika soċjali li tgħin fit-tkabbir tal-familja u l-ulied għax pajjiż li ma jkollux ulied huwa pajjiż li ma jistax jikber;
- li soċjeta’ ‘zagħzugħa’ biss tiggarantixxi l-pensjonijiet lill-anzjani u l-għajnuna lil dawk l-aktar fil-bżonn;
- irridu nirbħu l-ostakli kollha li jfixklu t-tisħiħ tal-familja u għalhekk irridu niprovdu housing u servizzi soċjali adegwati u impjiegi li jagħtu dinjita’;
- irridu niffaċilitaw l-irwol tal-mara omm mad-dinja tax-xogħol;
- li għandu jingħata taħriġ ta’ stress control ħalli nkunu kapaċi naffrontaw mumenti diffiċli mingħajr ma naqgħu fil-vizzji li jkissruna;
- li l-mira tagħna tibqa’ dik li l-anzjani jibqgħu attivi u li noffru għajnuna personalizzata lil dawk li jisfgħu dipendenti;
- li lill-persuni bi bżonnijiet speċjali rridu nintegrawhom aktar fis-socjeta’ b’aċċessiblita’ fiżika u b’aċċesibilita’ għax-xogħol u l-edukazzjoni.
Fuq kollox nemmen li rridu nindirizzaw realtajiet ġodda bħal familji b’ġenitur wieħed u l-omosesswali.
Liberta’
Nemmen
- fil-liberta’ tal-ħsieb u fil-liberta’ ta’ l-espressjoni.
- li l-liberta’ ma tfissirx ir-rebħa tal-individwu fuq il-komunita', iżda li l-individwu jikber b'mod sħiħ filwaqt li jirrispetta lil dawk ta' madwaru;
- li l-liberta' hija wkoll sigurta’ - il-liberta' li tagħmel mixja bil-kwiet mingħajr ma tħossok mhedded, il-liberta' li tmexxi azjenda mingħajr l-indħil żejjed tal-istat;
- li l-liberta' tfisser ukoll li l-istat jimxi fuq il-prinċipju tal-parteċipazzjoni tal-ħafna fit-tfassil tal-politika tiegħu.
Fuq kollox nemmen fil-liberta' tal-istituzzjonjiet ta' pajjizna ħalli jiddefendu dejjem id-drittijiet taċ-ċittadin mill-arroganza ta' min jaħseb li jista’ jikkmanda kollox kif irid hu.
I.T.
Nemmen
- li l-mezzi ta’ l-informatika huma għodda mill-aqwa biex noħolqu x-xogħol;
- f’investiment qawwi f’sistemi tal-informatika moderni u ta’ l-aqwa tekonoloġija biex ikollna vantagġfuq il-kompetituri tagħna;
- li dawn is-sistemi jintużaw b’mod sħiħ fit-tixrid ta’ l-informazzjoni inkluż fuq l-operat tad-dipartimenti u l-entitajiet ta’ l-istat;
- li nagħmlu minn pajjiżna l-aqwa ċentru reġjonali tal-informatika anke billi nattiraw lejna investiment fir-riċerka u żvilupp minn kumpaniji kbar;
- f’investiment qawwi fin-nies tagħna biex ikunu fuq quddiem nett fl-għerf ta’ sistemi moderni ta’ l-informatika.
Ekonomija u Zvilupp Sostenibbli
Nemmen
- f’ekonomija b’saħħitha li tippermettilna li pajjiżna jkompli jikber u l-poplu tagħna jkollu kwalita’ ta’ ħajja aħjar;
- li l-Gvern għandu jinvesti l-ġid iġġenerat f’oqsma strateġiċi ħalli niżguraw li pajjiżna jibqa’ kompetittiv;
- li ekonomija b’sahhitha ma tfittix biss il-ħolqien tal-ġid imma ukoll it- tqassim tiegħu b’mod ġust;
- li l-Gvern għandu kemm jista’ jkun jinża mill-funzjoni operattiva tiegħu inkella jsib forom ta’ tisħib mal-privat ħalli jtejjeb l-effiċjenza.
- li l-funzjoni tal-Gvern trid tibqa’ waħda biss fejn l-istat jiffaċilita t-tkabbir tal-ekonomija u ta’ regolatur fuq l-operaturi privati.
Nemmen fuq kollox li l-ekonomija trid tassigura li l-iżvilupp ta’ pajjiżna jkun marbut b’mod sħiħ ma’ l-iżvilupp soċjali u ambjentali ta’ pajjiżna.
Turizmu
Nemmen
- li t-turiżmu huwa pilastru ferm importanti fl-ekonomija tagħna u jipprovdi mezz t’għixien lill-eluf ta’ Maltin u Għawdxin.
- li rridu ninvestu ħafna aktar fl-infrastruttura tal-wirt storiku ta’ pajjiżna ħalli pajjiżna jsir aktar destinazzjoni unika;
- li s-servizzi li niprovdu jridu jakkomodaw lit-turist u mhux bil-kontra;
- li istituzzjoni bħall- ITS irid jibqa’ jkollha l-mezzi neċessarji ħalli tattira l-aqwa staff u tissieħeb f’partnership strateġiku ma’ istituzzjonjiet barranin simili;
- li l-Gvern jfassal programmi ta’ titjib fl-infrastruttura ġenerali tal-lokalitajiet li l-aktar jilqgħu fihom turisti;
- li lit-turist inżidulu l-opportunita’ li jiekol l-ikel tipiku Malti u dak Meditterranju;
- li għandna ningħaqdu mal-pajjizi ġirien tagħna biex noffru pakketti flimkien.
|